L-għan tal-iskema Trust You hu li jtejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-bejjiegħa u l-organizzazzjonijiet ġenwini, li lesti li jimxu mal-kodiċi ta' kondotta li biha huma protetti l-interessi tal-konsumaturi.
Il-kodiċi tinkludi ċ-ċiklu kollu tas-servizz/prodott mixtri. Bejgħ jibda bil-promozzjoni u r-reklamar tal-prodotti jew servizzi offruti għall-bejgħ, wara jkun hemm l-istadju ta' negozjar fejn il-bejjiegħ u x-xerrej jingħaqdu flimkien sabiex jikkonkludu l-bejgħ, ix-xiri attwali, u fl-aħħar is-servizz ta' wara x-xiri.
Din l-iskema hi miftuħa għal kull entità li jkollha kuntatt man-nies. Hi miftuħa għall-intrapriżi kbar u żgħar, għall-fornituri tas-servizzi, kif ukoll għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
L-iskema hija sempliċi ħafna biex tiġi segwita u l-uniku obbligu ta' dawk li japplikaw biex jipparteċipaw f'din l-iskema hu li jsegwu l-kodiċi ta' kondotta li ġej:
- Jippromwovu relazzjoni tajba mal-konsumaturi;
- Jikkonformaw mar-regoli kollha relatati;
- Jassiguraw li l-post tan-negozju hu aċċessibbli u sigur;
- Jirreklamaw u jipprovdu l-informazzjoni neċessarja b'mod li ma jiżgwidawx il-konsumaturi;
- Jippruvaw jifhmu r-rekwiżiti tal-konsumaturi u jgħarrfuhom kif xieraq;
- Jindikaw/jikkwotaw il-prezz totali;
- Jimxu ma' dak li jkun ġie miftiehem;
- Jassiguraw li l-ilmenti li jkollhom jiġu solvuti fi żmien raġjonevoli;
- Jevitaw li jkollhom ilmenti li jitressqu quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi billi jagħżlu li jsibu soluzzjoni xierqa permezz tal-medjazzjoni;
- Jipprovdu servizz ta' wara x-xiri adegwat.
Sabiex japplikaw għal din l-iskema, in-negozjanti u l-organizzazzjonijiet iridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni. Għandha timtela' formola t'applikazzjoni separata għal kull ħanut.
Ċertifikat u stickers bil-logo tat-Trust You jintbgħatu lill-applikanti li jissodisfaw dawn il-kriterji u dawn għandhom jiġu eżibiti f'post prominenti fil-ħanut fejn il-konsumaturi jkunu jistgħu jarawhom. Kull sena jinħareg logo ġdid fejn ikun hemm imniżżla s-sena kurrenti.